Ftehim bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS u Legal Aid Malta se jwassal biex l-interess tat-tfal jkun iżjed protett, f’każijiet fejn ikun involut manteniment.
Dan se jkun qed isir billi Legal Aid Malta tagħti assistenza legali lill-FSWS f’każijiet ta’ manteniment, fejn ikun hemm xi mill-ġenituri li jgħix barra.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal kif l-interess tal-minuri huwa ta’ prijorità u dan se jgħin sabiex il-proċess ikun effettiv u trasparenti. Qal li dan huwa “importanti għal minuri u għandhom dritt li jieħdu manteniment mingħand persuna li qegħda barra minn xtutna jew inkella minuri li qegħdin barra minn xtutna u għandhom dritt biex jieħdu manteniment mill-persuna li qegħda Malta. L-idea hi li jkun hemm qafas minn naħa tal-għajnuna legali, li jkun hemm assitenza lill-awtorità ċentrali, li hija l-FSWS.”
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal kif permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern qed juri li għandu l-ġustizzja soċjali għal qalbu. Spjega wkoll kif “manteniment li f’ħafna każijiet ikunu jinkludu wkoll manteniment tat-tfal. L-għan aħħari huwa li nipproteġu lit-tfal, mhux biss lit-tfal imma anke lil min għal xi raġuni jkun f’pożizzjoni vulnerabbli, fejn xi ħadd suppost qed jirċievi manteniment u mhux qed jirċivih.”