Xjenzati u riċerkaturi Maltin se jkunu qegħdin jingħataw l-opportunità biex jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom fil-qasam tar-riċerka tat-trattament kontra l-kanċer.
Dan permezz ta’ ftehim bejn l-Università ta’ Malta u riċerkaturi Pollakki.
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana taw aktar dettalji dwar din il-kollaborazzjoni u qalu kif din is-sħubija se taqsam tagħrif ġdid li se jwassal għal mezzi ġodda ta’ terapija kontra l-kanċer, sabiex din issir aktar preċiża u effettiva.
Il-Ministru Bonnici faħħar dan il-ftehim għall-potenzjal tiegħu fil-ġlieda kontra l-kanċer.
Huwa żied jgħid li dan il-ftehim se jtejjeb ukoll ir-reputazzjoni ta’ Malta fil-qasam tar-riċerka, hekk kif se jkompli jitfa’ dawl pożittiv fuq it-talent tar-riċerkaturi Maltin.
Qal, “U l-fatt li qed naraw riċerkaturi Maltin jingħaqdu ma’ riċerkaturi Pollakki sabiex jiftemu flimkien, iġibu fondi u jaħdmu kontra l-kanċer permezz ta’ sistemi ġodda hija xi ħaġa kruċjali li se tkompli tmexxina ‘l quddiem fil-ħidma li qed nagħmlu sabiex insaħħu r-riċerka u x-xjenza f’pajjiżna.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Caruana spjegat kif dan il-ftehim jolqot fil-laħam il-ħaj, hekk kif sfortunatament din il-marda tolqot bosta familji.
Stqarret kif huwa mportanti li nrawwmu t-tfal tagħna fl-oqsma tax-Xjenza u l-Matematika hekk kif it-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin diġà qegħdin itejbu l-ħiliet f’dawn l-oqsma.
Spjegat, “Il-ftehim li laħqet l-Università ta’ Malta maċ-Ċentru Internazzjonali għax-Xjenza tal-Vaċċin kontra l-Kanċer ifisser li r-riċerkaturi tagħna se jkunu jistgħu jiksbu esperjenza kemm ta’ riċerka kif ukoll t’għarfien dwar l-innovazzjoni u r-riċerka li qed issir dwar dan il-qasam tant importanti.”