Fl-aħħar jiem, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo żar l-uffiċini ta’ CIHEAM f’Bari, l-Italja, bħala parti mill-impenn tal-ministeru biex tissaħħaħ ir-relazzjoni ta’ pajjiżna fuq livell Mediterranju fejn jidħol l-iżvilupp tal-agrikoltura.
Is-CIHAEM li huwa l-Istitut Agriekonomiku Mediterranju, jaħdem ma’ numru ta’ pajjiżi Mediterranji, inkluż Malta, sabiex jippromwovi prattiċi sostenibbli fl-agrikoltura.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali, ġie spjegat li pajjiżna ilu jaħdem mill-qrib ma’ dan l-istitut għal 30 sena, u fl-aħħar xhur, fost l-oħrajn saret ħidma konġunta biex twaqqaf AgriHub. Dan il-proġett illum qed jiġbor b’mod dirett u rikurrrenti informazzjoni importanti ħafna li permezz tagħha l-bidwi u r-raħħal Malti qed jiġi megħjun jindirizza sfidi varji bħat-temp u l-impatt tal-pesti, fost l-oħrajn.
Fi żjara, il-Ministru Refalo ltaqa’ ma’ numru ta’ uffiċjali fi ħdan CIHAEM kif ukoll mad-diretturi responsabbli mill-agrikoltura għar-reġjun ta’ Puglia. Hawnhekk ġew diskussi diversi temi importanti filwaqt li ġie kkonsolidat ftehim li permezz tiegħu se tissaħħaħ il-koperazzjoni fl-istrateġija agrikola, l-ikel, l-għarfien dwar teknoloġiji ġodda u l-promozzjoni ta’ prattiċi sostenibbli partikolarment fl-użu ta’ riżorsi naturali. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-awtoritajiet Maltin se jkollhom aċċess għal informazzjoni li permezz tagħha jistgħu jadottaw prattiċi agrikoli li jħallu inqas impatt fuq l-ambjent filwaqt li jagħmlu dan is-settur aktar sostenibbli u ekonomikament vijabbli.