Ġie ffirmat ftehim bejn il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Tekonoloġija, l-MCAST u Spazju Kreattiv biex fis-snin li ġejjin, studenti li jattendu fl-Istutut għall-Arti Kreattiva, jkollhom spazju fejn jesebixxu xogħolhom.
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, James Calleja, qal li l-MCAST sar sinonimu ma’ opportunitajiet u prosperità filwaqt li ċ-Chariman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai spjega li l-fondazzjoni sservi ta’ pont bejn il-qasam edukattiv u s-settur kreattiv professjonali.
Dan il-ftehim sar waqt it-tnedija tas-sitt edizzjoni tal-Festival MCAST ICA, li din is-sena se jkollu t-tema Embrace liminality.
Il-Festival se jitella’ bl-appoġġ ta’ Spazju Kreattiv u l-Kunsill Malti għall-Arti.
F’dan il-festival l-istudenti juru l-mod kif jaħdmu b’mod kollaborattiv bejn id-dixxiplini artistiċi biex jiżviluppaw il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa fis-settur.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, fisser kif din il-wirja se tkun pass importanti biex l-industrija tal-arti kreattiva tara l-kapaċitajiet tal-istudenti tal-MCAST.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Arti, Owen Bonnici jemmen li ftehim bħal dan se jfisser titjib sostanzali fil-prodotti kollha fejn tidħo l-esperjenza kulturali.
Il-festival ta’ din is-sena, li se jsir bejn is-7 u 31 ta’ Lulju, se jfakkar il-kontribut ta’ Donald Friggieri fl-edukazzjoni tal-arti kreattiva. Is-Sur Friggieri, li ħalla din id-dinja aktar kmieni din is-sena, kien pijunier fl-apprezzament u l-istudju tad-disinn f’Malta u edukatur għal aktar minn 30 sena.