Wara ħafna konsultazzjoni, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-MUT iffirmaw ftehim settorali ġdid li ser jiġi fis-seħħ bejn 2018 u l-2022. Dan il-ftehim ser jaffettwa l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-istat kif ukoll ser jaffetwa l-edukaturi tal-iskejjel tal-Knisja mill-aspett finanzjarju.
Dan il-ftehim ser jagħti viżjoni għall-ħames snin li ġejjin u ser jinvesti fl-edukaturi sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-aqwa espejenza edukattiva lill-istudenti tagħhom filwaqt li b’mod konkret jagħmel ix-xogħol tal-għalliema iktar dinjituż permezz ta’ titjib fil-kundizzjonijiet finanzjarji fost oħrajn.
Permezz ta’ dan il-ftehim, is-servizz provdut mill-edukaturi ser jitjieb billi l-ewwel, ikun rikonoxxut l-kumplessità ta’ xogħolhom filwaqt li jisaħħu numru ta’ prattiċi u jiġu provduti opportunitajiet ġodda sabiex dawn l-edukaturi jkunu jistgħu jiżviluppaw fil-professjoni tagħhom.
Fi stqarrija l-President tal-MUT Marco Bonnici, stqarr li ser ikompli jittama li l-kundizzjonijiet ikomplu jitjiebu u dawn il-bidliet ikomplu jħajru studenti sabiex jidħlu f’din il-professjoni dinjituża filwaqt li niżguraw li l-għalliema li hemm bħalissa jkomplu b’xogħolhom li huwa tant bżonnjuż.
Dan il-ftehim ġie ffirmat wara proċess ta’ konsultazzjoni fejn membri tal-istess union ġew provduti bil-miżuri ta’ dan il-ftehim sabiex jagħtu feedback fuqu.