Ġie ffirmat ftehim bejn il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti u l-Malta Beekeepers Association, li se jħalli lill-membri tagħha jrabbu n-naħal tagħhom f’riservi tal-FKNK fl-Aħrax u l-Miżieb tul is-sajf.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim fil-Miżieb ġiet innutata s-sinifikanza tan-naħla Maltija, illi bil-ħidma bla waqfien tagħha tmantni s-settur tal-agrikultura.
Il-President tal-Malta Beekeepers’ Association, Victor Busuttil spjega ma’ dan l-istazzjon kif dan il-ftehim ifisser tisħiħ u tiġdid għas-settur tal-produzzjoni tal-għasel.
Busuttil tenna, “In-naħal tagħhom ikun jista, l-ewwel nett jibqa’ għaddej, se jiġbor iktar għasel u s-settur se jkompli miexi ‘l quddiem. Għalhekk hija inizjattiva tajba ħafna għall-membri tal-Malta Beekeepers Association biex inkomplu nsaħħu dan is-settur.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-FKNK, Lucas Micallef stqarr ma’ ONE News kif ftehim bħal tal-lum huwa parti mill-ħidma tal-FKNK, sabiex tiġi salvagwardjata n-natura Maltija.
Stqarr ukoll li dan mhux l-uniku ftehim ta’ din ix-xorta mal-FKNK, hekk kif aktar entitajiet diġa resqu lejn din l-għaqda sabiex jagħmlu kollaborazzjonijiet ta’ dan it-tip.
Micallef qal, “Il-konservazzjoni tal-abitati hija ferm importanti għalina, hija parti mill-viżjoni li ħaddanna, dan għaliex inkunu nistgħu inħallu bijodiversità akbar fil-kampanja tagħna u b’hekk inkunu qiegħdin insaħħu l-flora u l-fawna li nsibu fl-abitati.”
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, li appella sabiex aktar għaqdiet jersqu il’quddiem biex jistabilixxu kollaborazzjonijiet simili, sabiex b’ħidma konġunta dawn iħarsu n-natura ta’ pajjiżna.
Huwa temm jgħid kif dawn l-għaqdiet għandhom valur imprezzabbli għall-ambjent Malti.
Il-Ministru stqarr, “Qed jgħinuna fuq in-Natura 2000 Sites, pjanijiet maniġerjali differenti biex inkomplu nagħtu lill-poplu Malti il-ġid li għandna f’dak li għandu x’jaqsam l-ambjent Malti.”