Ġie ffirmat ftehim kollettiv li jħares l-interessi tal-ħaddiema akkademiċi fil-Junior College.
Il-ftehim kollettiv, li jkopri bejn l-2019 u l-2023, jinkludi fih titjib fil-pakketti finanzjarji tal-ħaddiema akkademiċi iżda mhux biss hekk. Fil-fatt, se jkun jinkludi rikonoxximent kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, il-Prinċipal tal-Junior College, Paul Xuereb, il-President tal-Unjin tal-Għalliema (l-MUT), Marco Bonnici, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Alfred J. Vella, u s-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana.
Il-Prinċipal tal-Junior College, Paul Xuereb, qal li hu ta’ pjaċir għalih li jara dan l-iffirmar iseħħ, għax ifisser rikonoxximent għall-ħaddiema akkademiċi tal-Junior College li qiegħed ukoll ineħħi l-inċertezza għall-ħaddiema.
Il-President tal-MUT, Marco Bonnici, qal li din hi okkażjoni importanti għax, permezz ta’ dan il-ftehim, se jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-ħaddiema kif ukoll il-pakkett finanzjarju tagħhom.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Alfred J Vella, qal li b’sens ottimist dan il-ftehim se jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-letturi biex ikompli jingħata l-aqwa servizz fil-Junior College.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana, qal li minn dejjem emmen li biex is-servizz pubbliku jkun wieħed b’saħħtu, irid ipoġġi lill-ħaddiema fil-qofol tiegħu.
Huwa qal li tul dawn l-aħħar ħames xhur ġew iffirmati tnax-il ftehim kollettiv, u li dan juri kif il-motivazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol titjieb fejn kull impjegat ikun apprezzat.
Intant il-Ministru mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, qal kif din hi okkażjoni sabiħa hekk kif, wara perjodu ta’ negozjati, waslu fi qbil li permezz tiegħu se jiġi assigurat rikonoxximent lill-edukaturi u l-irwol importanti li għandhom fi ħdan is-soċjetà.