Ġie ffirmat ftehim kollettiv bejn il-Malta Air Traffic Services, il-MATS, u l-General Workers’ Union li se jkun qed joffri kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema tas-sezzjoni teknika tal-entità tal-Gvern u se jkopri lil 52 ħaddiem għall-perjodu ta’ ħames snin.
Preżenti kien hemm il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett.
Hekk kif ġew issimplifikati b’mod ugwali il-kundizzjonijiet u l-vantaġġi mal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru tal-ATCOS, tali ftehim se jkun qed jgħaqqad it-taqsimiet tal-Air Traffic Safety Personnel u l-Air Traffic Controllers flimkien.
Se jgawdu minn dan il-ftehim b’mod prinċipali l-ħaddiema tal-Air Traffic Safety Electronics Personnel.
Il-Ministru Bonett spjega li dan il-ftehim ikompli juri kemm il-Gvern qed jinvesti fir-riżors umani, l-aqwa riżorsa li għandu pajjiżna.
Qal, “Dan hu importanti, għax qed naraw li l-ħaddiema tekniċi tal-Malta Air Traffic Services ħa jkollhom dak il-pakkett issa li jixraqilhom. Gvern li dejjem beża’ għall-ħaddiema u li b’dawn l-għeluq ta’ dawn il-collective agreements ikun qed jara li jagħti l-aqwa kundizzjonijiet lill-ħaddiema biex joperaw aħjar u jagħtu servizz aħjar lill-kumpanija f’dan il-każ li, iżda, fuq kollox lill-poplu tagħna. ”
Temm jirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fid-diskussjonijiet li wasslu għal dan il-ftehim, filwaqt li stqarr li jħares ’il quddiem għall-ħidma lejn it-tliet ftehimiet kollettivi li jifdal fl-entità.
Dan Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv, Claude Mallia, u miċ-Chairman George Borg Marks għan-naħa tal-MATS, waqt li rrappreżentaw lill-General Worker’s Union, Alfred Grima u Sandro Vella.