Il-ħaddiema tal-Parlament se jibdew igawdu minn pagi u kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol permezz tal-ewwel ftehim kollettiv li ġie konkluż mal-General Workers’ Union.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu ġewwa l-Binja tal-Parlament indirizzata mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.
Il-ftehim favur il-ħaddiema tal-Parlament ġie ffirmat mill-Ispeaker Anġlu Farrugia bħala l-Kap tas-Servizz Parlamentari, mill-Iskrivan tal-Kamra, Raymond Scicluna, mis-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU għall-Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin, u mill-Assistent Segretarju George Zahra. Dan flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema Claudine Parnis u Stephen Grech.
F’kumment ma’ ONE News, Kendrick Bondin mill-General Workers Union spjega l-benefiċċji li jinvolvi dan il-ftehim
“Hawnekk rajna iktar il-flessibiltà fil-ħinijiet, il-pagi tagħhom li jkunu aħjar u ċertu allowances u bonuses li jistgħu jingħataw lill-ħaddiema għax-xogħol extra li huma jagħmlu matul il-ġurnata tagħhom.”
ONE News tkellem ukoll mal-Ispeaker, Dr Anġlu Farrugia hekk kif awgura li dan il-ftehim kollettiv ikun għodda sabiex dawk il-ħaddiema li huma kapaċi u li jkunu kommessi lejn il-ħidma tagħhom ikollhom opportunità biex jimxu ’l quddiem.
“Kellna nirrikonoxxu x-xogħol mhux biss li jagħmlu matul il-ħin normali imma anke ħin li ma jkunx normali. Il-Paralment kif taf inti ma tistax ittih il-ħinijiet imma dejjem ikun hemm bżonn iktar u anke ovjament nirrikonoxxu l-ħidma ta’ dak li jkun biex dejjem ikun hemm l-inkoraġġiment għal min qed jaħdem. Kemm min hawn hawnhekk u kemm min qed jitħajjar jidħol f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.