Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid għal aktar minn tliet mitt impjegat tal-aġenzija Identità, li se jipprovdi għal diversi titjib fil-pagi u l-benefiċċji għall-impjegati kollha.
B’effett retroattiv minn Jannar ta’ din is-sena, il-ħaddiema li jibbenefikaw minn dan il-ftehim se jirċievu żieda sostanzjali fil-kundizzjonijiet u s-salarji tagħhom. Minbarra hekk, għall-ewwel darba, dan il-ftehim qed jintroduċi performance bonus għall-gradi kollha tal-ħaddiema.
Din iż-żieda hi maħsuba biex tinċentiva l-eċċellenza, filwaqt li tirrikonoxxi r-responsabbiltajiet li l-ħaddiema jġorru fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità, Steve Agius, qal li l-ftehim hu xhieda tar-rieda tal-aġenzija li tħares il-benesseri u ssaħħaħ l-iżvilupp professjonali tal-impjegati.
Dan il-ftehim imur aktar lil hinn minn biss żidiet fil-paga. Aħna qed niffokaw ukoll fuq areas ta’ career development, qed niffokaw ħafna fuq mental health u qed inkunu ċerti li noħolqu ambjent li jippromwovi condusive conversations fl-organizzazzjoni biex inkomplu nikbru.
Steve Agius, Kap Eżekuttiv Identità
L-iffirmar sar ukoll fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u x-Xogħol, Byron Camilleri, li rrimarka li l-ftehim se joħloq ambjent aħjar għall-ħaddiema biex ikomplu jtejbu s-servizz lill-pubbliku, filwaqt li tenna li dan hu wieħed minn diversi ftehimiet kollettivi li ġew konklużi fl-aħħar żmien.
B’dan il-mod vera qed naraw li qalbna tħabbat fil-post it-tajjeb mal-ħaddiem, iżda wkoll naraw li l-ħaddiem ikompli jikber, ikompli jiżviluppa u jingħata dak kollu li jixraqlu.
Il-Ministru Byron Camilleri
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv il-ġdid kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, Joyce Dimech, u s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja.