Il-Gvern ippresjeda l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv għall-impjegat tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati. L-ewwel wieħed mindu twaqqfet din l-istess Aġenzija.
Dan sar waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Ġimgħa filgħaxija ġewwa l-Berġa d’Aragona fil-Belt Valletta hekk kif ġie spjegat li din l-attività timmarka wegħda oħra mwettqa mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista f’inqas minn mitt jum ta’ din l-erbatax-il leġiżlatura.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, Eunice Grech Fiorini fl-indirizz tagħha spjegat l-importanza ta’ dan il-ftehim li juri apprezzament għax-xogħol u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu fi ħdan il-Qrati Maltin.
Ma’ One News hija spjegat l-benefiċċji li se jgawdu minnhom madwar 400 ħaddiem.
“B’dan il-ftehim kollettiv li se jsir żgur huwa li l-ħaddiema tal-Qorti se jkunu qed jibbenefikaw minn pakkett finanzjarju aħjar però mhux biss hekk kif ħa jkunu qed jibbenefikaw minn career path. Dn jiġifieri li għandek ċans tikber fl-aġenzija u mhux tibqa’ fejn inti. Għandek fejn taspira u fejn tikber fl-Aġenzija u dejjem tkun għall-aħjar u dejjem ovjament il-pakkett finanzjarju ħa jkun aħjar kull darba tiżdied u timxi ’il quddiem.”
Intant minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, irringrazzja lill-partijiet kollha konċernati sabiex dan il-ftehim seta’ sar realta.
Ma’ dan l-istazzjon sostna kif dan il-ftehim se jservi bħala xprun sabiex jgħin aktar persuni jersqu lejn karriera fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati li tipptovdi servizzi sabiex issostni wieħed mill-pilastri ewlenin tad-demokrazija ta’ pajjiżna. Dak tal-ġustizzja.
“Dan ħa jtina l-possibiltà li nkunu fil-pożizzjoni li mhux biss nassiguraw li l-ħaddiem eżistenti li jammontaw għal aktar minn 400 li jingħataw dak li jixraqilhom imma li jingħataw il-possibiltà li nkomplu nattiraw aktar nies biex joffru servizz fil-Qrati tagħna.”
Il-ftehim ġie nnegozzjat minn uffiċjali tal-General Workers Union u l-Unjin Ħaddiema Maqgħudin f’isem l-impjegati tal-Aġenzija.