Ftehim ġdid iffirmat bejn il-Malta Air Traffic Services, il-MATS, u l-General Workers’ Union se jwassal għal titjib fis-salarji u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’livelli maniġerjali tal-istess entità governattiva responsabbli għat-traffiku tal-ajru fil-pajjiż.
Il-ftehim, li se jkollu impatt pożittiv sinifikanti għal aktar minn 25 impjegat f’dawn il-pożizzjonijiet, wasal wara djalogu u diskussjoni estensiva mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, li ppresieda l-ftehim, saħaq li dan kien essenzjali biex il-pożizzjonijiet maniġerjali fi ħdan il-MATS jibqgħu attraenti għall-professjonisti filwaqt li jimmotivaw progress intern.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MATS, Claude Mallia, irrimarka li, fi ftit żmien, se jiġi varat proġett maġġuri, dak tal-bini taċ-ċentru l-ġdid tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru.