Madwar 175 impjegat se jibbenefikaw minn ftehim kollettiv ġdid b’kundizzjonijiet imtejba li ġie ffirmat bejn il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-MCAST u l-UĦM. Il-ftehim kollettiv itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati fil-gradi amministrattivi li jaqgħu taħt il-ftehim tal-UĦM.
Il-ftehim il-ġdid jinkludi pakkett finanzjarju mtejjeb u opportunitajiet aħjar ta’ progressjoni u jaħseb ukoll għal flexi-time imtejjeb biex jakkomoda l-ħtiġijiet tal-ħaddiema. Jinkludi wkoll ħamest ijiem miżjuda għal leave ta’ studju bi ħlas, biex issa l-impjegati huma eliġibbli għal għaxart ijiem leave ta’ studju.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, li ppresieda għall-iffirmar tal-ftehim, qal li qed inkomplu ninvestu fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna – ir-riżors uman u huwa għalhekk li qed inkomplu ninvestu fil-ħaddiema tas-settur edukattiv b’mod dirett.
B’mod ġenerali, l-MCAST se tkompli taħdem biex tiżgura ambjent tax-xogħol pożittiv li jħeġġeġ lill-impjegati biex jikbru, filwaqt li tagħti prijorità mhux biss lill-progressjoni fil-karriera tagħhom iżda wkoll lis-saħħa u lill-benesseri tagħhom. Bħala istituzzjoni edukattiva, it-tkabbir tal-impjegati tagħha bħal tagħlim tul il-ħajja huwa wkoll prijorità.
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja tenna li bħala Kulleġġ l-investiment fil-ħaddiema huwa prijorità biex kulħadd igawdi minn ambjent tax-xogħol pożittiv fejn kull individwu jikber u javvanza fil-karriera tiegħu.
Intqal li l-kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali hija kruċjali kemm għall-ġid tal-ħaddiema kif ukoll għall-istudenti biex dejjem ikollhom l-għajnuna u l-appoġġ li jeħtieġu.