It-Tnejn filgħodu ġie ffirmat ftehim kollettiv bejn il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS u l-UĦM Voice of the Workers għas-snin 2023-2027.
Dan il-ftehim aġġusta s-salarji tal-management tal-FSWS biex jirrifletti wkoll it-titjib fil-pagi u s-salarji tal-bqija tal-ħaddiema tal-FSWS wara l-ftehim kollettiv li ġie ffirmat f’April li għadda. L-istess ftehim jaħseb ukoll biex tkun imħarsa l-kontinwità tas-servizzi essenzjali tal-FSWS u anke hemm provvedimenti għall-iżvilupp professjonali tal-membri tal-management.
B’hekk, issa reġgħet ġiet irrestawrata r-relattività li kienet teżisti qabel.
In-negozjati saru taħt id-direzzjoni tat-taqsima tar-relazzjonijiet industrijali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u s-Segretarju Permanenti Mark Musù.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, qal li, “Dan huwa ftehim, nistgħu ngħidu, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, fejn biex nerġgħu nġibu r-relattività tal-management qabel ġie ffirmat il-ftehim kollettiv f’April li għadda, illum flok sempliċi e-mail li tgħid ‘iva, mexxu’, għamilna ftehim ma’ sħabna tal-UĦM li jikkonferma li r-relattività bejn il-management u l-gradi koperti mill-ftehim kollettiv ġenerali reġgħet ġiet restitwita.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, Josef Vella, qal li, “Bħala UĦM Voice of the Workers aħna kburin li wasalna hawnhekk wara negozjati li kienu kostruttivi u li ma ħadux żmien esaġerat. Irrid ngħid ukoll li bħala unjin aħna, l-assertività tagħna nsarrfuha billi nagħlqu l-ftehimiet kollettivi. Irrid nirringrazzja lis-Segretarju Permanenti Dr Cassar, lill-industrial relations unit, lill-management tal-FSWS, lill-ħaddiema u lid-delegati fil-UĦM, lill-ħaddiema kollha li wara kollox ivvutaw għal dan il-ftehim kollettiv u li għadda b’maġġoranza ta’ mija fil-mija. Allura ma nistgħux ma nkunux kuntenti b’dan l-eżitu li għandna llum hawnhekk.”
Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Dr Michael Falzon, is-Segretarju Permanenti responsabbli mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali, Dr Joyce Cassar, Mario Grixti u Therese Formosa mill-istess taqsima, flimkien ma’ rappreżentanti tal-FSWS u l-UĦM.