It-Tnejn filgħodu, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta Soċjali Michael Falzon u l-Fondazzjoni Suret il-Bniedem iffirmaw ftehim biex ikun offrut kenn f’Dar Tereża Spinelli lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.
Dan il-ftehim se jwassal biex il-Gvern iħallas is-somma ta’ €168,000 kull sena għal tliet snin, iġifieri dis-sena, l-2018 u l-2019, biex il-Fondazzjoni Suret il-Bniedem toffri akkomodazzjoni lil ħmistax-il vittma kuljum li jkunu riferuti lilha mill-Aġenzija Appoġġ.
Dar Tereża Spinelli huwa second stage shelter, iġifieri l-persuni li jiġu riferuti hemm ikunu għaddew mill-istadju tal-ħtieġa li joħorġu mill-post fejn kienu joqgħodu mall-eks sieħeb tagħhom u li kien l-awtur tal-vjolenza.
L-istess vittmi jkunu għamlu perjodu fil-first stage shelter, fejn jingħataw l-ewwel għajnuna biex jerġgħu jibdew iqumu fuq saqajhom, kemm psikoloġikament u kemm emozzjonalment, biex imbagħad jimxu għal second stage shelter fejn jitħejjew biex jibdew jgħixu ħajja indipendenti.
Il-ftehim li kien iffirmat dalgħodu jaħseb ukoll għall-għajnuna professjonali li jingħataw il-vittmi.
Il-Ministru Falzon qal li fejn tidħol il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, li fiha hemm l-Aġenzija Appoġġ, hemm għoxrin ftehim ma’ diversi NGOs li jipprovdu xi tip ta’ servizz għal persuni vulnerabbli.