Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq laħqu ftehim biex isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-antinni, il-qlugħ, is-saqaf tal-injam, u x-xaft prinċipali tal-Mitħna tax-Xarolla.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia li saħaq li hu bix-xieraq li jsiru dawn ix-xogħlijiet minħabba l-importanza li din il-mitħna għandha fis-settur turistiku, li tiġbed lejha ammont kbir ta’ turisti kuljum.
“Il-Mitħna tax-Xarolla hija attrazzjoni prominenti fir-raħal sabiħ taż-Żurrieq u wara l-ħsarat estensivi illi ġarbet bil-maltemp lura għall-2022, grazzi għall-intervent tal-ħaddiema tagħna tal-public works u tal-kollega Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, saru r-restawr u t-tiswijiet kollha li kien hemm bżonn biex din il-Mitħna tkompli tiġi titgawda għaż-żmien illi ġej.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia
Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima rringrazzjat lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tax-xogħol li sar fuq il-Mitħna.
“Grazzi għall-ħaddiema li ħadmu b’tant dedikazzjoni, u, nirringrazzja wkoll lil Noel Polidano li ħa ħsieb ix-xogħlijiet, u l-MOU li għamilna llum biex dawn it-tliet snin jibqgħu jieħdu ħsieb huma: fejn hemm bżonn idawruha u l-manutenzjoni kollha li għandha bżonn.”
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima