Intlaħaq ftehim biex, f’Marsaxlokk, tinfetaħ it-tielet dar li tilqa’ priġunieri fl-aħħar parti tas-sentenza tagħhom ħalli jsegwu programm intensiv ta’ riabilitazzjoni u rintegrazzjoni fil-qalba tal-komunità. Din id-dar se tkun l-ewwel waħda speċifikament għall-priġunieri nisa.
Memorandum of understanding bejn il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Fondazzjoni RISe se jwassal għal investiment ta’ kważi nofs miljun ewro fuq tliet snin biex jiġi impjegat tim multidixxiplinarju li se jkollu t-treġija tad-dar f’idejh.
Dan it-tim se jkun jinkludi amministratur, psikologu, social worker, terapista tal-familja u anke konsulent fuq ix-xogħol, fost oħrajn, biex jassigura li l-persuni li jkunu qed isegwu dan il-programm jingħataw l-attenzjoni professjonali kollha possibbli u, fl-istess ħin, il-professjonisti jkunu jistgħu jsegwu l-progress irreġistrat.
L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi se tkun qed tassisti wkoll mil-lat ta’ sigurtà, kif isir fid-djar l-oħrajn simili diġà eżistenti.
Għall-istess dar, il-Ministeru, permezz tal-Aġenzija LESA, kien diġà assista b’investiment ta’ madwar €15,000 biex ġew mixtrija numru ta’ kameras tas-sigurtà.
Il-Ministru responsabbli Byron Camilleri aċċenna għall-fatt li, fl-aħħar snin, sar sforz akbar fuq ir-riabilitazzjoni tal-persuni biex meta jiskontaw is-sentenza jirritornaw fis-soċjetà bħala persuni aħjar.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tar-RISe, Charles Mifsud, qal li dan il-ftehim hu tragward ieħor importanti fil-ħidma tal-fondazzjoni li qed tkompli tkabbar l-operat tagħha.