B’investiment ta’ mija sitta u sebgħin elf ewro, ġie ssiġillat ftehim mas-Salesjani ta’ Don Bosco li jiggarantixxi s-servizz lill-adoloxxenti fir-Residenza Alberto Marvelli f’Raħal Ġdid u fir-Residenza Carlo Gastini fil-Belt.
Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti.
Il-Ministru Michael Falzon faħħar din l-inizjattiva u qal li s-soċjetà kollha għandha sehem importanti biex tgħin lil dawn iż-żgħażagħ jintegraw u jgħixu f’ambjent li joffrilhom l-appoġġ neċessarju.
Huwa qal, “Huwa qasam li qed nieħdu pjaċir nirrimarkaw li qed naħdmu bis-serjetà fuq idea relattivament ġdida, dik tal-aftercare, u naħdmu mhux biss mal-Gvern imma anke mal-NGOs u f’dan il-każ qed nitkellmu fuq is-Salesjani li qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna u li nħarsu ‘l quddiem biex nkomplu naħdmu magħhom.”
F’dawn ir-residenzi jgħixu adoloxxenti li permezz tas-servizz offrut jitgħallmu jgħixu b’mod indipendenti wara li, għal raġunijiet differenti, ikunu għexu f’residenza tat-tfal jew ambjent alternattiv.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tas-Salesjani ta’ Don Bosco, Bryan Magro, li spjega l-importanza ta’ ftehim bħal dan.
“Dan il-ftehim ovvjament se jkompli jespandi s-servizz tagħna lejn żgħażagħ li għandhom bżonn kenn u għandhom bżonn għajnuna għax m’għandhomx l-appoġġ tal-familja tagħhom. Ifisser ukoll li se nkomplu nsostnu x-xogħol li għandna u anke nespandu u nilħqu aktar żgħażagħ – kemm subien u kemm tfajliet, li għandhom bżonn l-għajnuna u l-appoġġ tas-soċjetà.”
Spjega li dan il-ftehim se jkun qed ikompli jgħin lil dan iż-żgħażagħ, anki b’sistema li tissejjaħ intergenerational hekk kif dawn iż-żgħażagħ se jkunu qed jgħixu qrib blokka ta’ appartamenti fejn fihom hemm l-anzjani.
Qal li dawn iż-żgħażagħ ġew mgħallma wkoll kif ikunu ta’ għajnuna għal dawn l-anzjani u b’hekk, f’każ ta’ bżonn, huma jkunu jistgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà permezz ta’ ħidma volontarja mal-anzjani.