Wara diversi diskussjonijiet, ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM. Dan jixpruna l-isforzi tal-Gvern biex pazjenti li jirrikorru għall-għajnuna b’urġenza jirċievu servizz sigur, iżda b’aktar effiċjenza.
Il-Ministru Jo Etienne Abela, fi stqarrija, spjega kif dan il-ftehim jindirizza żewġ fatturi kruċjali għall-istrateġija fil-qasam tas-servizzi ta’ emerġenza.
Semma kif il-viżjoni tal-Gvern li jiggarantixxi karrieri ta’ kwalità fil-klassi medika hu rifless fit-tkabbir tal-pool ta’ konsulenti speċjalisti, li sar is-sena l-oħra mingħajr ma ġie mittiefes ebda ftehim settorjali.
Qal li l-ftehim isaħħaħ ukoll il-viżjoni biex kull sit u riżorsa tal-pajjiż, fil-pubbliku u fil-privat, jintużaw ħalli l-marid jirċievi kura tajba, f’waqtha u kif jixraq.
Min-naħa tiegħu Martin Balzan qal li, b’rieda tajba u bi djalogu pożittiv, laħqu ftehim tajjeb għat-tobba involuti fl-emerġenza u fiċ-ċentri tas-saħħa kif ukoll għall-pazjenti.