Il-Ministeru għal Għawdex u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim sabiex jitkomplew studji fuq ġifen Puniku ftit ‘il barra mill-kosta tax-Xlendi, fejn il-Gvern se jkun qed jikkommetti mija u erbgħin elf ewro biex issir aktar riċerka.
Waqt l-iffirmar ġie nnutat kif dan is-sit huwa wieħed sinifikanti, hekk kif jixħet aktar dawl fuq il-ħajja ta’ dawk li kienu jgħixu qabilna.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, stqarr kif il-Gvern qed ikompli jiffinanzja din l-esplorazzjoni, li qed tagħti wkoll aktar riżultati li se jiġu rikonoxxuti kemm lokalment, u anke lil’ hinn minn xtutna.
Huwa stqarr li l-Gvern se jibqa kommess lejn din ir-riċerka unika fil-Mediterran, kif ukoll li huwa jispera li fis-snin li ġejjin dan il-ġifen jittella’ u jiġi esebit, hekk kif hija l-ħolma ta’ bosta persuni li jistudjawh.
Intant, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella spjega kif din ir-riċerka ġġib unur għall-Università, hekk kif din ir-riċerka qed tpoġġi lill-Università fis-soċjetà.
Huwa rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex għall-fiduċja li wera fl-Università u awgura aktar skoperti minn dan is-sit.