Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, iffirma ftehim mal-Università ta’ Malta biex issir riċerka li għandha twassal għal rapport dwar innovazzjoni li tista’ tiġi implimentata fis-settur tal-manifattura.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jiffinanzja proġett ta’ riċerka li se tagħmel l-Università biex ikunu identifikati sfidi u opportunitajiet marbuta mal-investiment ta’ kumpaniji fil-qasam tal-manifattura f’innovazzjoni.
Il-proġett se jikkonċentra fuq kumpaniji nvoluti fl-inġinerija, f’Malta u fil-Polonja.
L-għan huwa li jinħolqu metodi innovattivi f’sistemi tal-inġinerija li jikkapitalizzaw aħjar l-integrazzjoni tar-riżorsi umani u s-sistemi tal-inġinerija, fl-istess waqt li joħroġ bi proċessi effettivi f’dan is-settur.
F’dan il-proġett se jkunu nvoluti studenti li qed jistudjaw biex jiksbu Baċellerat tal-Kummerċ.
Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella qal li proġetti bħal dawn iħajru riċerkaturi fl-Università jidħlu f’oqsma ta’ studju li għandhom potenzjal jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Qal, “Huma utli għaliex jgħinu u jħajru lir-riċerkaturi tagħna jidħlu f’oqsma ta’ studju li għandhom potenzjal li jagħmlu d-differenza u jtejbu wkoll eventwalment il-kwalità tal-ħajja tan-nies ladarba jkun hemm is-suċċess fil-findings tagħhom.”
L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.
It-tnejn faħħru l-inizjattiva u nnutaw li l-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni huma pjuttost ġodda u allura dejjem ikun hemm bżonn ta’ aktar għarfien.
Dan għaliex ir-riċerka twassal għal riżultati li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.