Ġie ffirmat ftehim sabiex il-binja magħrufa bħala l-‘Mużew l-Antik’ f’Ħal Safi tinbidel f’Ċentru għal persuni bid-Dimenjsa ta’ matul il-ġurnata u bil-lejl.
Dan b’investiment ta’ €300,000, biex b’hekk binja abbandunata, mill-ġdid se tingħata l-ħajja.
Permezz ta’ dan il-ftehim bejn is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Arċidjoċesi ta’ Malta, fi żmien sena u nofs pajjiżna ser ikollu l-ewwel ċentru li joffri servizz ta’ wens għal matul il-ġurnata u bil-lejl.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Dr Renzo De Gabriele spjega kif bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ din il-binja ser tingħata attenzjoni partikolari għad-disinn intern u l-karattru taċ-ċentru sabiex dawk li jużaw is-servizz iħossuhom siguri u milqugħa.
“Din il-binja ħa tkun totalment Dementia friendly, apparat li ħa jgħinhom biex ikunu attivi, apparati li ħa jgħinhom biex jistimulawhom. Aħna mhux biex inżommuhom bilqiegħda ma’ jagħmlu xejn imma biex inżommuhom attivi.”
Il-professjonisti li se jkunu qed jaħdmu f’dan iċ-ċentru se jkollhom taħriġ intensiv fil-kura ta’ nies bid-dimensja sabiex iċ-ċentru jipprovdi kura professjonali għal dawk li jagħmlu użu mis-servizz.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis fakkar kif fl-2015, il-Gvern Malti nieda l-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimensja li tressaq diversi miżuri li għandhom bżonn jiġu implimentati sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ individwi bid-Dimensja u anke għall-qrabathom.
Saħaq li ż-żieda fin-numru ta’ ċentri għal nies bid-dimensja kienet rakkomandazzjoni ewlenija f’din l-istrateġija.
“Illum għandna madwar 7,000 imma sa’ ftit żmien ieħor sa’ 2050 din ser tirdoppja allura aħna rridu nilqgħu minn issa għall-isfidi li għandna u dan huwa proġett li ħa naħdmuh bejn il-Gvern il-Kunsill Lokali u l-Knisja biex verament inkunu qed niffaċjaw l-isfidi fuq id-Dimensja.”