Ftehim, li ġie ffirmat bejn il-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija Informatika, il-FITA, u l-Malta Trust Foundation, għandu l-għan li jipprovdi aktar investiment għal apparat teknoloġiku modern li permezz tiegħu persuni ta’ kull età neqsin mill-viżta jkollhom il-faċilità li jitħarrġu u jtejbu l-kwalità ta’ ħajja tagħhom.
L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni, l-Organizzazzjonijiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, Marie Louise Coleiro Preca.
Carlo Stivala, il-Kap Eżekuttiv tal-entità governattiva, il-FITA, tenna li permezz ta’ dan il-ftehim se jkunu qed joffru t-taħriġ meħtieġ fuq apparat innovattiv għal persuni vulnerabbli jew b’diżabilità.
“Il-ftehim tal-lum jilħaq għan, li ilna nipprogrammaw għalih, fejn il-FITA se turi t-teknoloġija li għandna hawnhekk, u issa se tiġi f’idejn it-Trust Foundation. Dan l-apparat hu awtorizzat biex min hu diżabbli u vulnerabbli jiġi għandna u nispjegawlu eżattament kif jista’ jtejjeb ħajtu.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li l-ftehim, li sar proprju fil-ġimgħa internazzjonali ta’ għarfien dwar id-diżabilità u anke lejlet il-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat, għandu tliet prinċipji importanti: li s-soċjetà Maltija trid tibqa’ tħaddan il-jeddijiet tal-inklużjoni, tal-ugwaljanza u tal-indipendenza.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ ftehim ta’ dan it-tip, bil-għan aħħari li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, fejn il-FITA ilha taħdem għal dawn l-aħħar snin ma’ diversi entitajiet u għaqdiet biex tipprovdi l-aħjar servizz lill-persuni vulnerabbli jew b’diżabilità.