Illum ġie iffirmat ftehim ġdid bejn Xjenza Malta u l-Kamra tal-Inġiniera, li se jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet. L-iffirmar tal-ftehim ġie ppresedut mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-kontribut tal-inġinerija bħala pilastru fundamentali għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija fil-pajjiż.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti stqarr, “Dan il-ftehim huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern jirrikonoxxi l-importanza tal-inġinerija biex inkomplu nsaħħu l-kapaċità tar-riċerka u nistimulaw l-innovazzjoni f’Malta. B’din il-kollaborazzjoni, qed niżguraw li Malta tibqa’ fuq quddiem fit-teknoloġija globali.”
Huwa kompla li dan il-ftehim huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fis-settur tal-inġinerija permezz ta’ STEM, l-oqsma tax-xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika. “B’investimenti sinifikanti fl-edukazzjoni STEM f’kull livell tal-iskejjel u fil-komunitajiet tagħna, il-Gvern jemmen li qed jgħin mhux biss lill-professjoni tal-inġinerija iżda wkoll biex joħloq soċjetà aktar infurmata f’dan il-qasam,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Min-naħa tiegħu, Inġ. Malcolm Zammit, President tal-Kamra tal-Inġiniera, qal, “Dan il-ftehim joffri opportunitajiet ġodda biex l-inġinerija tkun aktar integrata fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan il-ftehim mhux biss isaħħaħ il-professjoni iżda wkoll ikompli jipprovdi lil Malta b’għodda biex tibqa’ kompetittiva u avvanzata fit-teknoloġija.”