Żgħażagħ ta’ bejn it-tnax u s-sbatax-il sena li jinħakmu mill-vizzju tad-droga u jiġu bżonn l-għajnuna fiċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adoloxxenti tal-Ibwar, operat mill-Caritas, se jkollhom aċċess għal tagħlim f’diversi suġġetti li jgħinhom biex ikomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom wara li jegħlbu l-vizzju tas-sustanzi.
Dan wara li fil-Kurja ġie ffirmat ftehim biex ġaladarba jitlesta x-xogħol fuq iċ-Ċentru u jiftaħ il-bibien tiegħu għall-bidu tas-sena d-dieħla, ikun jista’ joffri korsijiet akkreditati.
Id-direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, qal li matul is-sena li għaddiet, erbgħin adoloxxenti talbu għall-għajnuna lill-Caritas minħabba abbuż minn sustanzi lleċiti.
Qal li dan iċ-ċentru jiflaħ jilqa’ fih erbatax-il żagħżugħ u żagħżugħa, numru li jista’ jitla’ anki iżjed minn għoxrin persuna jekk ma jkollhomx bżonn jitilqu minn fejn ikunu qed jgħixu u jattendu biss għal programmi matul il-jum.
“Dawn l-adoloxxenti sakemm ikunu magħna jkunu jistgħu jitħarrġu fis-snajja’ u f’tagħlim li jgħinhom kemm biex ikomplu jistudjaw aktar tard ’il quddiem u anki f’dik li hija għada pitgħada meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”
B’dan il-ftehim edukattiv, mhux biss se jiġu offruti korsijiet akkreditati, imma se jingħata wkoll trasport, tablets, appoġġ kontinwu fl-istudji, u taħriġ lill-professjonisti tenna Gatt.
“Tajjeb li l-pajjiż jikkontrolla permezz tal-forzi tal-ordni, bil-prevenzjoni min-naħa tal-edukazzjoni u fuq dan l-aspett illum qed niffukaw anki fuq il-kura ta’ dawn il-persuni.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ddeskriva l-ftehim bħala pass ieħor fi vjaġġ biex tingħata l-għajnuna meħtieġa lil min f’età żgħira jispiċċa f’xifer milkub minn għadd ta’ vizzji.
“Hawnhekk qed ngħidu li dawn l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ li jkunu f’dan il-programm ikunu jistgħu jingħataw ukoll edukazzjoni, struzzjoni, tagħlim sabiex ikunu jistgħu joħorġu minn din il-fażi f’ħajjithom mhux biss ikkurati mill-vizzju imma anki msaħħa fejn tidħol l-edukazzjoni tagħhom u jkunu jistgħu jkomplu bl-edukazzjoni fil-ħajja tagħhom.”
Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon fakkar li f’Malta hawn madwar seba’ mitt persuna li kuljum jirrikorru għall-methadone biex jippruvaw jegħlbu l-vizzju tad-droga.
“Is-soċjetà Maltija qed tipprovdi opportunità tad-deheb għal dawk it-tfal tista’ tgħid, adoloxxenti, li diġà huma maqbudin b’dan il-vizzju. Min-naħa tal-awtoritajiet hawn kooperazzjoni sħiħa, irridu ngħinu, l-appell tiegħi huwa għal dawk iż-żgħażagħ biex iva jaċċettaw din l-għajnuna u jkollna soċjetà aħjar.”