Fil-marġini tat-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (l-UNGA), Malta kienet waħda mill-organizzaturi ta’ konferenza ta’ livell għoli maħsuba biex tipprovdi pjattaforma għal riflessjoni dwar l-opportunitajiet li joffrulna narrattiva aktar ibbilanċjata dwar il-migrazzjoni u l-influwenza tal-media fuq it-tiswir tal-opinjoni pubblika biex jiġu implimentati politiki dwar il-migrazzjoni li jkunu bbażati aktar fuq l-evidenza.
Il-konferenza, bit-titlu ‘Giving a Voice to Evidence – Overcoming a Distorted Narrative on Migration and Moving Towards Evidence-based Migration Policy Development’, saret fil-Kwartieri tal-Ġnus Magħquda fi New York, u ġiet organizzata flimkien minn Malta, Franza, it-Tuneżija, il-Kummissjoni Ewropea, u l-International Centre for Migration Policy Development (l-ICMPD). Il-panel kien magħmul minn Carmelo Abela, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Malta; Khemaies Jhinaoui, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Tuneżina; Alexis Lamek, id-Direttur tar-Repubblika Franċiża għall-Ġnus Magħquda u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali; Michael Spindelegger, id-Direttur Ġenerali tal-ICMPD; u Francesco Rocca, il-President tal-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar Aħmar. Ir-Rappreżentanta Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda għall-Migrazzjoni Internazzjonali, Louise Arbour, għamlet intervent fil-ftuħ.
“Għal pajjiżi bħal Malta, dawk il-pajjiżi preżenti hawn illum, u stati oħra tal-fruntiera li huma l-aktar esposti, il-migrazzjoni tal-massa hija sfida,” qal il-Ministru Abela, filwaqt li żied li għalkemm il-biża’ mill-migrazzjoni trid tiġi rikonoxxuta u meħuda bis-serjetà, irid ukoll jiġi bbilanċjat b’messaġġi li jikkumbattu l-miti u jfiehmu l-kontribut tal-migranti lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħna. “Ilkoll kemm aħna nafu li l-isfidi jġibu magħhom ukoll l-opportunitajiet. Minħabba li l-prezz li rridu nħallsu fuq medda qasira ta’ żmien huwa viżibbli qatigħ, huwa diffiċli li wieħed jispjega l-opportunitajiet li toffrilna l-migrazzjoni fuq medda twila ta’ żmien. F’dan ir-rigward, hemm bżonn urġenti li nħallu li l-perċezzjoni tagħna dwar il-migrazzjoni tevolvi f’waħda aktar ħolistika, u m’hemmx mod aħjar kif dan isir milli permezz tal-media, minħabba li l-media għandha rwol kruċjali fit-tiswir tal-opinjoni u l-attitudnijiet tal-pubbliku.”
Il-Ministru Abela kien ukoll mistieden jitkellem waqt l-Africa Forum, avveniment ieħor parallel mal-UNGA, li ġie organizzat minn The Commonwealth Africa Initiative bit-tema ‘Sustaining a Peaceful and Prosperous Africa’. Filwaqt li faħħar lill-Afrika bħala kontinent li qed jikber b’ħeffa u li qed jirnexxilu jisfrutta l-bidla għall-ġid tiegħu stess permezz ta’ żvilupp strutturali, kif tixhed it-trasformazzjoni malajr u l-progress ekonomiku rimarkabbli, huwa kkummenta li t-trasformazzjoni strutturali titlob finanzjament adegwat, u li dawn il-flus għandhom jitħaddmu b’mod li jagħtu l-valur massimu għal kull ċenteżmu li ntefaq. Daqstant ieħor importanti hija l-ħtieġa li jiġi assigurat li l-flus jitħaddmu fuq attivitajiet ta’ żvilupp reali li jkunu inklużivi, ġusti, u ekwi. Huwa żied jgħid li, fil-livell bilaterali, Malta taħdem mal-kontinent Afrikan permezz ta’ sħubiji politiċi, ekonomiċi, edukattivi, u soċjali. Barra minn dan, Malta deliberatament tiddedika l-biċċa l-kbira tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp tagħha għall-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika.
Fi New York, il-Ministru Abela kien preżenti wkoll għall-indirizz tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt id-dibattitu ġenerali tal-UNGA, u kellu laqgħat bilaterali ma’ Pham Binh Minh, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Vjetnam; ma’ Gilles Tonelli, il-Ministru tal-Affarijiet u l-Koperazzjoni Esterni ta’ Monako; ma’ Elmar Mammadyarov, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ażerbajġan; u ma’ M.J. Akbar, il-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Esterni tal-Indja. Mal-kontraparti Monakan tiegħu, il-Ministru Abela ffirma wkoll ftehim dwar it-taxxa doppja li se jassigura li impriżi bbażati f’xi wieħed miż-żewġ pajjiżi li jkunu qed jikkummerċjaw mal-pajjiż l-ieħor ma jispiċċawx ikollhom iħallsu t-taxxi fuq l-introjtu tagħhom fiż-żewġ ġuriżdizzjonijiet.