Ġie mġedded ftehim bejn id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, biex is-servizz offrut fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva f’Ħal Kirkop ikompli jingħata.
Dan iċ-ċentru huwa l-post fejn bosta anzjani jmorru biex jieħdu gost u jitgħallmu flimkien, fejn ikunu jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet bħal tombla, eżerċizzju fiżiku u line dancing.
Waqt il-konferenza li matulha ġie ffirmat il-ftehim, ġie nnutat kif dan huwa xhieda tal-impenn biex l-anzjani jkollhom opportunitajiet biex jibqgħu attivi.
Il-ftehim jipprovdi wkoll trasport għall-anzjani bi problemi ta’ mobbiltà li jkunu jixtiequ jattendu ċ-ċentru.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, tkellem dwar l-importanza li dawn is-servizzi għall-anzjani jkunu aktar aċċessibbli fil-lokalitajiet.
Qal, “Aħna ninkoraġixxu din it-tip t’attività li sservi biex l-anzjan ikun moqdi fil-komunità tiegħu stess.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, Renzo De Gabriele qal li l-dan l-impenn min-naħa tal-Aġenzija huwa preżenti f’aktar lokalitajiet.
Għalhekk huwa ħeġġeġ aktar Kunsilli Lokali biex jersqu ‘l quddiem biex l-anzjani fil-komunitajiet ikollhom dawn is-servizzi.
Is-Sindku ta’ Ħal Kirkop, Terence Agius wera l-apprezzament tiegħu għal dan l-impenn favur l-anzjani u qal li l-Kunsill Lokali se jkompli jħares il-ġid tal-anzjani f’Ħal Kirkop.
Dawk interessati li jattendu f’dan iċ-ċentru għandhom japplikaw permezz ta’ formola online li tista’ tiġi aċċessata minn fuq is-sit www.activeageing.gov.mt jew miċ-Ċentru Servizz Anzjan li jinsab fi Triq Zekka fil-Belt.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 22788900.