Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-AX Foundation li se jwassal għal proġett dwar għarfien ikbar kif edukaturi jistgħu jifhmu u jgħinu studenti li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
L-Assistent Direttur għall-Edukazzjoni inklussiva fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Josanne Ghirxi, spjegat kif bħala parti mill-proġett diġà sar xi xogħol fosthom l-għażla tal-persuni li se jaħdmu ma’ tfal bl-awtiżmu. Dan sar minn professjonisti dwar l-awtiżmu mir-Renju Unit, fejn fasslu taħriġ apposta.
Ghirxi stqarret: “Identifikaw huma flimkien magħna il-gaps ta’ training li stajna niffukaw fuqhom li fosthom kien hemm ansjetà, challenging behaviour meta jkun f’sens sensorjali, meta anke l-HOD inclusion tagħti training fuq liema aspetti. Ġie mfassal 3-day training apposta għal Malta.”
F’konferenza waqt l-iffirmar tal-ftehim kien spjegat ukoll kif sa issa diġà ġiet identifikata l-isfida li l-professjonisti jkunu aġġornati b’mod kontinwu mal-aħħar riċerka u strateġiji użati bħala appoġġ lil studenti fl-ispettru tal-awtiżmu.
Dan filwaqt li diġa ttellgħu xi workshops lill-kapijiet tad-dipartimenti mit-taqsima tal-Inklużjoni, edukaturi għall-inklużjoni kif ukoll kapijiet ta’ skejjel tal-istat, indipendenti u tal-Knisja.
Dawn setgħu jikkontribwixxu għall-identifikazjoni ta’ nuqqasijiet fis-sistema edukattiva fuq studenti bl-awtiżmu biex jiġu mifhuma u mgħejjuna aħjar.
L-AX Foundation se tkun qed tisponsorja biex jitwettaq dan it-taħriġ. Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Claire Zammit Xuereb spjegat li t-taħriġ huwa vjaġġ li se jissarraf f’opportunità biex jagħmel differenza sinifikanti fil-ħajja ta’ persuni b’diżabilità.
Zammit Xuereb sostniet: “Tara t-tfal fil-klassi, kif jiġu ttrattati, tfal kif jgħidu fuq tfal oħra u hawn ħafna labelling illum. Ħassejt il-bżonn, vojt fejn nistgħu nimlew biex ikun hemm iktar tagħlim x’nistgħu nagħmlu għal dawn it-tfal biex nippreparawhom iktar huma u jikbru u meta jikbru.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri faħħar il-Fondazzjoni għal dan il-pass li fi kliemu għarfet l-importanza biex tikkollabora mal-Ministeru biex il-qasam edukattiv jilqa’ u jifhem aktar studenti kif ukoll il-familjari tagħhom.
Il-Ministru Evarist Bartolo sostna li kemm fil-qasam tal-edukazzjoni kif ukoll dak tax-xogħol hemm bżonn li nkunu aktar inklussivi u għandna nifirxuha mas-soċjetà kollha.