Bi ftehim bejn SportsAdultz flimkien mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, l-anzjani issa se jkollhom l-opportunità jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi addattati għalihom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, fejn spjega li dawn l-attivitajiet se jkunu mqassma fuq tnax-il sessjoni u se jkunu kompletament bla ħlas.
Huwa spjega kif dawn is-sessjonijiet se jkunu varji, u se jservu ta’ esperjenzi utli għall-anzjani fil-komunità.
Qal, “Permezz ta’ dawn l-attivitajiet li se jibdew fiċ-ċentri ta’ matul il-jum ġewwa ż-Żurrieq, Birkirkara u l-Mellieħa, se nagħtu opportunità li anzjani jitgħallmu anke ċertu sport li qatt ma pparteċipaw fih, imma anke oħrajn li se jkunu qed isiru attivitajiet sportivi addattati speċifikament għal persuni li huma anzjani.”
Il-Ministru Farrugia żied jgħid li l-Gvern qiegħed iħejji wkoll White Paper dwar l-anzjanità attiva
Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportsAdultz, spjega li l-għan ta’ dawn l-attivitajiet huwa wkoll sabiex l-anzjani li jattendu jissoċjalizzaw flimkien.
Spjega, “Aħna nixtiequ nipprovdu attivitajiet divertenti għal nies avvanzati fl-età li jkollhom bżonn eżerċizzju. L-għan tagħna hu li nipprovdu xi ħaġa li biha jieħdu gost, jissoċjalizzaw ma’ nies oħra u fl-aħħar mill-aħħar jitgħallmu ħafna sports differenti.”