Dak deskritt bħala jum importanti għall-futbol Malti, ġie ffirmat ftehim bejn il-Malta Football Association, l-MFA, u l-Malta Premier League, li tħaddan lill-klabbs tal-Premier, se jara lil din tal-aħħar tamministra l-ogħla kampjonat fil-ħames snin li ġejjin fuq livell aktar professjonali.
L-ewwel joint venture ffirmat bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet fit-Tony Bezzina Stadium, f’Raħal Ġdid, jara l-Kampjonat Premier jibdel l-idejn mill-istaġun li ġej f’impenn kollettiv fl-immodernizzar u l-aġġornament b’saħħtu tal-futbol Malti.
Il-ftehim ġie ffirmat miċ-Chairman tal-Malta Premier League, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, Bjorn Vassallo.
Fl-intervent tiegħu, Dr Muscat spjega li dan il-ftehim se jwassal biex l-ogħla kampjonat tal-futbol lokali jibbenefika minn branding, dehra aħjar u imbottatura xierqa mill-aspett kummerċjali.
Qal li fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej, il-kampjonati jiġu organizzati mill-klabbs infushom u li nħass il-bżonn li l-istess isir f’Malta.
“Il-futbol Malti se jibda jkun organizzat f’livell ta’ Premier League bl-istess mod li jkunu organizzati leagues oħrajn f’pajjiżi ewlenin Ewropej, jiġifieri ma tkunx l-assoċjazzjoni li tieħu ħsieb dan kollu, imma l-assoċjazzjoni tiffoka fuq it-tim nazzjonali, tiffoka fuq il-grassroots. Dan filwaqt li l-league ewlieni fil-pajjiż ħa jkun qiegħed jitmexxa b’mod awtonomu bis-sħubija mal-istess FA u l-klabbs.”
Dr Muscat qal ukoll li l-iskema, li ġiet introdotta fl-aħħar żmien u li qiegħda tinċentiva l-klabbs lokali biex jilagħbu l-plejers Maltin, qed taħdem tajjeb ħafna. Fil-fatt, spjega li mhux minnu li l-kampjonat Malti hu ddominat mill-plejers barranin u l-istatistika tikkonferma dan.
Hu żied jgħid li qed issir ħidma biex il-league jsir aktar attraenti, kemm għal persuni li jattendu fil-grawdns kif ukoll għal dawk li jsegwu minn fuq it-televiżjoni.
Fost dawn, Dr Muscat semma wkoll l-introduzzjoni tal-video assistant referee, il-VAR, matul il-ħames snin li ġejjin biex il-kampjonat Malti jkun aktar professjonali, waqt li enfasizza li hemm bżonn ukoll bidla fil-format tal-league biex ikun wieħed attraenti.
“Dan hu l-għan tagħna. Filwaqt li ma timminax l-isporting right, l-isporting merit, jiġifieri min rebaħ trid tagħtih dak li rebaħ, dejjem tagħti permutazzjonijiet li sal-aħħar ftit kulħadd ikun għadu biċ-ċans u kemm jista’ jkun il-format irid jikkoraġġixxi dan kollu.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, iddeskriva dan il-ftehim bħala mument importanti għall-futbol Malti.
“Bit-tnedija ta’ din is-sħubija se nkunu qed norganizzaw il-kampjonat flimkien mal-Malta Premier League, żminijiet ta’ tranżizzjoni biex imbagħad finalment inkunu nistgħu wkoll ngħaddulhom kompletament dik li hi l-organizzazzjoni ta’ dan il-kampjonat.”