Għat-tielet sena, ġie ffirmat ftehim bejn Aġenzija Sapport, il-Ministeru għal Għawdex, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u l-għaqda Voice for Inclusion Gozo, biex b’investiment ta’ mija u sittin elf ewro, jitmexxa l-proġett tas-sajf ‘Summer Intensive Course’.
Permezz ta’ dan l-investiment, qed jibbenefikaw sebgħa u sittin student b’diżabilità, żieda ta’ sbatax-il student fuq is-sena li għaddiet.
Dawn is-sessjonijiet qed isiru fuq medda ta’ għaxar ġimgħat, u jinkludu taħriġ fil-matematika permezz ta’ storytelling, sessjonijiet ta’ drama, ICT, tisjir u xogħol bit-tafal.
Kull parteċipant qed ikollu LSE fuq bażi individwali u tutors speċjalizzati li jaraw il-progress ta’ kull student u li kulħadd ikun inkluż fl-attivitajiet ippreparati.
Apparti dan l-investiment, permezz ta’ proġett minn skema ffinanzjata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, inxtara tagħmir għal taħriġ fiżiku għal persuni b’diżabilità, flimkien ma’ numru ta’ strumenti mill-iskema Small Initiatives, li wħud minnhom jistgħu jitħaddmu bil-moviment tal-għajnejn. Dan it-tagħmir, jista’ jintuża minn studenti Għawdxin, kemm waqt u anki wara l-ħinijiet tal-iskola.
Waqt żjara li għamlet fis-Sannat Special Unit, f’Għawdex, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli fissret kif dawn iż-żewġ proġetti se jkomplu jgħinu lill-persuni b’diżabilità Għawdxin jilħqu l-potenzjal tagħhom.
“Huwa proġett li kull sena dejjem narawh jikber. Qed naraw sitwazzjoni fejn il-volontarjat, NSO kif ukoll il-Gvern, b’kollaborazzjoni differenti ma’ tliet entitajiet, jistgħu jagħtu riżultati pożittivi.”
Pauliana Said, iċ-Chairperson ta’ Voice for Inclusion Gozo, faħħret lill-Gvern għall-isforzi tiegħu biex jipprovdi servizzi speċjalizzati lil tfal b’diżabilità f’Għawdex.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo qal li din l-iskema qed tkattar il-ġid fost dawk li l-aktar għandhom bżonn.
“Bħala Kunsill tal-Volontarjat, għal darb oħra qegħdin insostnu dan il-proġett taħt il-VOPS, li qed jgħix għaqda ġewwa Għawdex b’tali mod li jinxtara equipment biex jintuża mill-għaqda ma’ tfal li għandhom bżonn dan is-servizz, li fl-aħħar mill-aħħar, hu utli għax l-ewwel wieħed f’Għawdex li qed ikun offrut.”