Intlaħaq ftehim bejn SportMalta u l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq biex il-pitch tal-boċċi li jinsab fi Vjal il-Blue Grotto jingħadda lil Kunsill Lokali ħalli huma jagħmlu fih Open Gym.
Il-ftehim sar fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius li spjega kif dan il-ftehim tal-lum sar wara ħidma miż-żewġ naħat. Huwa qal li issa minn post li mhux qed jintuża, ir-raħal taż-Żurrieq ser ikun jista’ jgawdi minn faċilità sportiva.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li din hija ħolqa oħra minn serje ta’ proġetti sportivi fil-lokalitajiet differenti. Fil-fatt ftit tal-jiem ilu għadha kemm kien inawgurat it-tisbiħ tal-jogging track f’Santa Luċija u tnieda l-proġett tal-Fgura Adventure Park.
Is-Sindku Ignatius Farrugia spjega kif dan il-ftehim wasal eżatt jum qabel Jum iż-Żurrieq. Huwa spjega kif iż-Żrieraq iħobbu jżommu ruħhom attivi b’xi mixja lejn Wied iż-Żurrieq u dan ser ikun mod ieħor ta’ kif huma jżommu ruħhom attivi fiżikament. Huwa spjega kif il-Kunsill għandu l-fondi neċessarji sabiex f’dan il-lok jagħmel Open Gym li mistenni jiswa madwar €23,000.
Iċ-Ċermen ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li huwa ta’ sodisfazzjon li tara li anke l-Kunsilli Lokali qegħdin jaraw l-importanza li ngħixu ħajja sana. Huwa sostna li dan jimxi id f’id mal-motto li għandha l-entità li huwa li nċaqalqu nazzjon.