Ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-club Malti tal-volleyball Paola Volleyball u dak Taljan tas-Serie A2 Akademia Sant’Anna li jinsab Messina fi Sqallija. Dan il-ftehim hu r-riżultat ta’ ġimgħat ta’ diskussjoni bejn Dr Kenneth Vella, President ta’ Paola Volleyball Club, Dr Fabrizio Costantino, President tal-club Sqalli u Dottor Giuseppe Venuti, Viċi President. Fl-aħħar snin l-Italja tjiebet ferm f’dan l-isport u dan kollu kien rifless fis-suċċessi nternazzjonali li akkwistat kemm fil-qasam maskili u anki femminili.
Dan il-ftehim ġie mħabbar waqt il-laqgħa ġenerali tal-club Sqalli li saret l-Erbgħa 31 ta’ Jannar f’Messina. Fost l-oħrajn se jfisser li minn żmien għal żmien il-club Sqalli se jkun qiegħed jibgħat Malta coaches professjonali biex iħarreġ lit-tfal tan-nursery tal-club Pawlist, coaches tal-club Malti jitilgħu wkoll Sqallija biex ikollhom esperjenza mal-coaches Taljani tal-club, players u tfal Maltin jitilgħu wkoll għal sessjonijiet ta’ taħriġ l-Italja u jieħdu sehem f’tornej f’Messina u training camp f’Malta tat-team ewlieni li jieħu sehem fl-ogħla diviżjoni tal-kampjonat Taljan u ta’ oħrajn Sqallin fi gżiritna.
“Il-kumitat tat-tmexxija tal-club tagħna huwa altru milli kuntent u sodisfatt b’dan il-ftehim. Din il-kollaborazzjoni se tagħti ċ-ċans lill-club tagħna biex ikompli jgħola fil-livell mhux biss mil-lat sportiv u tekniku iżda anki mil-lat amministrattiv. Din il-kollaborazzjoni tikkonferma wkoll l-istrateġija tal-club Pawlist li jkompli jsaħħaħ l-istrutturi tiegħu u jagħti opportunitajiet ġodda lit-tfal fi ħdan in-nursery, players u anki coaches fi ħdanu. Inkun qiegħed nonqos jekk f’dan il-kuntest ma nirringrazzjax ukoll lil Dr Costantino u l-bord tad-diretturi tal-club Sqalli tal-fiduċja u anki l-isponsors tagħna , Executive Security Services, Izibet, Dragonara Casino and Brasserie, Maypole, De Paola Pharmacy, HandsOn Systems and Yes2Health Fitness Club, li jkomplu jixprunaw lili u lil sħabi tal-kumitat biex inkomplu naħdmu l-quddiem,” ikkummenta Kenneth Vella.
Min naħħa tiegħu Dr Fabrizio Costantino, filwaqt li rringrazzja lill-kumitat ta’ Paola qal li qiegħed iħares b’ottimiżmu lejn din il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ clubs, kollaborazzjoni li għandha twassal biex jgħola anki l-livell tal-logħba f’Malta u jgħin ukoll it-turiżmu sportiv bejn iż-żewġ pajjiżi. “Il-club tagħna għandu wkoll ambizzjonijiet kbar u l-għan tiegħu hu li jistabilixxi ruħu fost l-aqwa clubs Taljani tal-volleyball u jkabbar ukoll in-network internazzjonali tiegħu. Attwalment għandna wkoll nursery b’saħħitha li tinkludi madwar mitt tifla f’diversi livelli. Dan il-ftehim żgur li ma kienx ikun possibli mingħajr l-appoġġ ta’ diversi entitajiet Sqallin u Taljani bħal Saccne Rete, Framon Hotel, Unipegaso Messina, Seap, Tradimalt, IOS – Istituto Odontostomatologico Siciliano, Conad, Gruppo Formula 3, Spremute Simone Gatto u Eds Infrastrutture,” ikkonkluda Dr Costantino.