Il-President ta’ Malta u Patrun tal-Fondazzjoni għat-Turiżmu Mediterranju Marie-Louise Coleiro Preca, ippresediet l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil bejn il-Ministeru Tuneżin għat-Turiżmu u l-Fondazzjoni Mediterranja tat-Turiżmu.
Matul il-laqgħa mal-Ministru Tuneżin tat-Turiżmu, is-Sinjura Salma Loumi Rkik, il-President Coleiro Preca qalet li l-Memorandum ta’ ftehim bilaterali dwar it-turiżmu li ġie ffirmat bejn il-Gvernijiet tat-Tuneżija u ta’ Malta, u l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil ieħor, li jagħti prospett dwar livell reġjonali, jagħmel dan “mument storiku għat-turiżmu, mhux biss bejn Malta u t-Tuneżija, iżda wkoll għar-reġjun tal-Mediterran kollu.”
Il-President qalet li “Għandna bżonn naħdmu flimkien biex nġibu kemm jista’ jkun nies flimkien, minn madwar id-dinja, għal dan ir-reġjun sabiħ tal-Mediterran, biex igawdu l-istorja rikka, il-kultura u l-ġmiel naturali tiegħu.”
“B’dan il-mod,” qalet il-President Marie-Louise Coleiro Preca, “il-Mediterran jista’ jgħaqqad lill-popli, mhux biss għall-prosperità u għall-ħolqien ta’ impjiegi fil-Mediterran għaż-żgħażagħ tagħna, imma anke għal iktar kuntatt bejn in-nies, sabiex il-Mediterran ikun katalist biex tinbena kultura ta’ paċi, fejn in-nies jifhmu, jirrispettaw u jirrikonoxxu, li d-diversità hija esperjenza li ssawwar. ”
F’isem il-Fondazzjoni Mediterranja għat-Turiżmu, il-Memorandum ta’ Qbil ġie ffirmat mis-Segretarju Ġenerali s-Sur Andrew Agius Muscat.