Malta ffirmat ftehim mal-Greċja dwar il-qasam turistiku.
Dan il-ftehim se jara liż-żewġ pajjiżi jaħdmu iżjed mill-qrib biex ikunu iffaċilitati prattiċi, li permezz tagħhom is-settur pubbliku u dak privat jimxi ma’ prattiċi sostenibbli f’kull aspett ta’ dan is-settur.
Dan il-ftehim jinkludi wkoll li Malta u l-Greċja jaqsmu b’mod frekwenti iżjed statistika dwar it-turiżmu, fost oħrajn.
Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-Ministru għat-Turiżmu Malti, Clayton Bartolo u l-Ministru għat-Turiżmu Grieg, Olga Kefalogianni.
Sadanittant, f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo tkellem quddiem mijiet ta’ persuni fis-settur tal-Mediterran fil-Forum dwar it-Turiżmu fil-Mediterran.
Hawnhekk huwa sostna dwar kif bħala reġjun il-Mediterran irid jikkopera iżjed dwar dan is-settur kruċjali, biex jegħleb flimkien l-isfidi, fosthom dawk tas-sostennibilità.
Il-Ministru Bartolo semma l-laqgħa ministerjali li saret l-Erbgħa, fejn ġiet iffirmata dikjarazzjoni bejn disa’ pajjiżi tal-Mediterran biex jikkoperaw aktar flimkien, fuq setturi varji tas-settur turistiku.