Bl-iffirmar tal-Memorandum of Understanding bejn l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u l-Università ta’ Malta se tkun qiegħda tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Dan bil-għan li jiġu indirizzati realtajiet ġodda f’dan is-settur u jissaħħu l-ħiliet relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Fost affarijiet oħra, permezz ta’ dan il-ftehim l-Università għandha tidentifika suġġetti li huma rilevanti għall-funzjonijiet tal-OHSA, li jistgħu jiġu inkorporati fil-Baċellerat fis-Saħħa u s-Sigurtà Okkupazzjonali (bl-Unuri) u jiġi wkoll iffaċilitat l-involviment tal-istudenti f’attivitajiet prattiċi tal-OHSA.
Min-naħa tagħha l-Awtorità se tkun qiegħda tikkollabora mal-Università biex jidentifikaw opportunitajiet ta’ proġetti ta’ riċerka għall-istudenti, dwar oqsma ta’ importanza. L-Awtorità se tkun qiegħda toffri wkoll lill-istudenti fil-programm undergraduate tal-istess Baċellerat, l-opportunità li jżuru l-faċilitajiet tagħha sabiex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-funzjonijiet u l-proċeduri tal-OHSA, kif ukoll jakkumpanjaw uffiċjali tal-Awtorità waqt id-dmirijiet tagħhom.
Waqt li kien qed jippresjedi l-iffirmar tal-MOU, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard tkellem dwar soċjetà dinamika li kontinwament qiegħda tinbidel u għalhekk jeħtieġ li filwaqt li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ taħriġ, ikun hemm titjib fil-kompetenzi.
“Dan huwa żmien importanti, fejn twettqu u se jkomplu jitwettqu numru ta’ riformi b’konformità mal-programm ta’ ħidma tal-Gvern u anke fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika. Għalhekk, dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-Università ta’ Malta, għandu jimlina bil-kuraġġ fil-ħidma tagħna għal standards aktar għoljin fis-settur,” tenna l-Ministru Attard.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar l-importanza li l-istudenti jkollhom esperjenza fuq post tax-xogħol li tikkumplimenta l-istudji tagħhom.
“Dan huwa parti importanti mit-taħriġ li jieħdu l-istudenti għaliex huwa pass ieħor ħalli jkollhom esperjenza ta’ edukazzjoni sħiħa marbuta mal-edukazzjoni tagħhom,” qal il-Ministru Grima. Huwa qal li permezz ta’ dan il-ftehim, il-ħtiġijiet tal-istudent qed jitpoġġew fiċ-ċentru biex is-settur edukattiv tassew iwassal lill-istudenti biex jilħqu l-aspirazzjonijiet futuri tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Josianne Cutajar irrikonoxxiet li l-Awtorità tagħraf lill-Uffiċjal tas-Saħħa u s-Sigurtà mhux biss bħala professjonist, iżda anke li jeżerċita xogħlu b’valur qawwi vokazzjonali. Qalet li din il-professjoni hi waħda fundamentali fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha f’pajjiżna.
“Flimkien mal-Università, qegħdin naqsmu l-viżjoni u b’impenn naħdmu flimkien sabiex din il-professjoni tiżviluppa b’tali mod li nżidu l-kompetenzi ta’ dawn il-professjonisti u nimxu lejn speċjalizzazzjonijiet f’setturi differenti tax-xogħol,” qalet Cutajar.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, qal li huwa dmir ċiviku tal-Università li tikkommetti ruħha u tagħmel riċerka li effettivament tagħmel differenza fis-soċjetà. “Riċerka li direttament tindirizza t-tnaqqis ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, u bħala riżultat ta’ dan, ittejjeb il-benesseri tal-impjegati f’kull settur, m’għandhiex biss tkun prijorità, imma għandha wkoll tkun għan komuni li għandna nistabbilixxu fit-tul,” temm jgħid il-Professur.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-Memorandum of Understanding kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea u d-Direttur taċ-Ċentru għall-Istudji dwar ix-Xogħol Dr Luke A. Fiorini.
Ritratt: MEYR/MJR