Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista, llum kellu laqgħa uffiċjali maċ-Chairperson tal-Assemblea tar-Republika tal-Albanija, Gramoz Ruçi. Il-laqgħa kienet kordjali u matulha ġew diskussa diversi suġġetti, fosthom il-memorandum ta’ ftehim dwar kooperazzjoni bilaterali li ġie ffirmat fl-Albanija stess fil-jiem li għaddew. Il-ftehim kien iffirmat bejn l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u l-Awtorità tal-Kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Albanija.
Dan il-ftehim se jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet, inkluż informazzjoni dwar żviluppi tas-suq u deċiżjonijiet adottati. Il-ftehim jindirizza wkoll id-dispożizzjoni taż-żewġ awtoritajiet biex jorganizzaw minn żmien għal żmien, laqgħat ta’ livell għoli bil-għan li jiġu identifikati oqsma u attivitajiet ta’ interess komuni.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista u ċ-Charpeson tal-Assemblea Ruçi qablu li dan il-ftehim huwa estensjoni tal-koperazzjoni li diġa hemm bejn iż-żewġ partijiet u wkoll huwa konferma tal-kollaborazzjoni bejn Malta u l-Albanija.
Matul il-laqgħa kienet affermata r-relazzjoni b’saħħitha li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi li t-tnejn li huma jinsabu f’post strateġiku fil-Mediterran.
Waqt iż-żjara tagħha fl-Albanija, id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ma’ diversi dinjitarji, fosthom Besnik Dervishi, Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data u l-Arċisqof ta’ Tiranë-Durrës George Anthony Frendo. Dwar il-laqgħa mal-Arċisqof Frendo, is-Segretarju Parlamentari Debattista qal li f’din il-laqgħa kien hemm diskussjoni dwar ix-xogħol fejjidi li qed tagħmel il-komunità Maltija, f’dan il-pajjiż ġar ta’ pajjiżna. L-Arċisqof Frendo ilu izjed minn 22 sena jservi fl-Albanija.
Fost id-delegazzjoni Maltija hemm ukoll il-membru parlamentari Clayton Bartolo.