L-Istitut għall-Istudji Turistiċi se jniedi l-ewwel programm ta’ masters bis-saħħa ta’ ftehim li ffirma mal-Akkademja tal-Ospitalità tal-Emirates. Il-ftehim jipprovdi wkoll għal titjib fil-programmi akkademiċi li diġà jeżistu.
Id-dekan tal-akkademja tal-Emirates Scott Richardson, sostna li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien strumentali f’dan il-ftehim storiku.
“This partnership was forged a couple of years ago when the PM of Malta was in Dubai and met with the government in Dubai and talked about how we can work more closely in ensuring our education sectors work more together for our tourism because that’s a very important industry for both countries.”
Din il-kollaborazzjoni se tagħti wkoll l-opportunità li tħarreġ sa ħmistax-il lettur biex tiffaċilita t-tagħlim u tipprovdi ħiliet effettivi ta’ mmaniġġjar fil-klassi. Dawn il-kontribuzzjonijiet huma konformi mal-viżjoni fit-tul biex l-ITS jiġi żviluppat f’istitut edukattiv għall-ospitalità u t-turiżmu internazzjonali ta’ klassi dinjija fil-qalba tal-Mediterran.
F’diskors li għamel waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega kemm dan is-settur huwa importanti għal pajjiżna. Qal li l-kelma Emirates tfisser kwalità u għalekk qal li huwa kburi li din l-istituzzjoni serja se taħdem mill-qrib mal-ITS biex tkompli tkabbar is-settur tat-turiżmu f’pajjiżna u jinħolqu aktar opportunitajiet għall-istudenti u ħaddiema Maltin u Għawdxin.
“Issa l-ITS hija affiljata mal-Emirates u aktar minn hekk ħa nkunu qegħdin f’sitwazzjoni fejn kif rajna mill-prospectus stess fejn mhux biss se jiżdiedu l-korsijiet li jkollok available f’Malta. Kors tal-MBA illi jkun affiljat mal-Emirates fil-fehma tiegħi huwa b’saħħtu ħafna.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi fisser il-ftehim bħala pass ’il quddiem għal din l-istituzzjoni edukattiva.
“L-ITS qed jespandi għandna studenti internazzjonali li qed jgħinu biex niffinanzjaw il-programm tagħna u noffru korsijiet mill-aqwa u apparti minn dan kollu l-viżjoni tat-turiżmu hu li fis-snin li ġejjin nattiraw aktar turisti li jonfqu flus u biex nagħmlu dan għandna bżonn servizz aħjar.”
Wara li ġie ffirmat dan il-ftehim mal-Emirates, l-ITS nieda l-emblema l-ġdida tiegħu flimkien mal-prospett għas-sena akkademika li jmiss.