Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, u l-għaqda mhux governattiva Breeds of Origin Conservancy iffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni li, permezz tiegħu, l-istess organizzazzjoni tintrabat li twettaq riċerka dwar prodotti agrikoli lokali.
Il-ftehim jipprovdi wkoll għal pariri tekniċi dwar il-konservazzjoni u l-protezzjoni tagħhom, id-domanda tas-suq għalihom u n-natura ta’ kwalunkwe riżorsi meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
B’dan il-ftehim, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar se jkollu l-abbiltà li jiffaċilita l-aċċess għal bosta riżorsi meħtieġa u miftehmin bejn il-partijiet u jassisti fl-identifikazzjoni ta’ prodotti agrikoli lokali.
Il-Ministru tenna li r-Razzett Esperimentali tal-Gvern, li jaqa’ taħt ir-responsabiltà tad-Direttorat għall-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, għandu l-għan li jappoġġja lill-komunità tal-biedja lokali fil-promozzjoni tal-iżvilupp agrikolu sostenibbli.
“Nagħtu opportunità ta’ riċerka permezz tal-expertise miż-żewġ naħat biex proprju nkomplu nippromwovu r-razez, forsi wkoll uniċi fil-gżejjer tagħna, kif ukoll nagħtu aktar pariri lill-istess bdiewa u lill-istess raħħala ta’ kif proprju jkabbru dan is-settur, jikkontribwixu fl-istess riċerka għall-għan aħħari tal-iżvilupp ukoll tal-biedja f’din il-gżira.”
Il-Ministru Camilleri temm jgħid kif l-għan aħħari tal-Gvern, fuq kollox, hu li jkompli jappoġġja lill-bdiewa u jippromwovi l-iżvilupp agrikolu sostenibbli biex dan is-settur jibqa’ wieħed b’saħħtu u kompetittiv.