B’investiment ta’ 12-il miljun ewro, il-gvern ġedded il-kuntratt għal xiri ta’ sodod minn djar tal-anzjani tal-Knisja. Għat-3 snin li ġejjn, il-Gvern se jixtri mija u wieħed u tmenin sodda għall-kura tal-anzjani fit-tul u 14-il sodda oħra għal servizzi ta’ respite.
Il-kuntratt jipprovdi wkoll li waħda mis-sodod allokati għar-Respite tintuża wkoll għal servizzi ta’ night shelter skont il-bżonn.
Id-djar tal-Knisja li se jipprovdu dawn is-servizzi huma Casa Leone f’San Ġiljan, Dar Sawra fir-Rabat, Dar Sagra Familja fin-Naxxar u Dar Sant Anna fl-Isla.
Fl-iffirmar tal-ftehim Monsinjur Charles Cordina tkellem dwar l-irwol tal-Knisja li toffri l-aqwa ħarsien lil dawn l-anzjani. Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tal-ftehim milħuq mal-Gvern.
Monsijur Cordina, stqarr li “Dawn l-anzjani, jistgħu spiċċaw imwarrba. Isibu komunità fejn tieħu ħsiebhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità attiva Anthony Agius Decelis qal li dawn is-sodod se joffru servizz lil anzjani li għandhom dipendenza medja u għolja.
Fl-istess waqt il-Kurja se tagħmel diversi investimenti għar-rinovar ta’ dawn id-djar bil-għan li jkunu jistgħu jilqgħu fihom anzjani li jkunu jeħtieġu kura residenzjali fit-tul.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis stqarr li dan hu “Investiment ta’ 4 miljun fis-sena li l-Gvern qiegħed jagħmel mal-Kurja. Il-Gvern jieħu sodod mingħand il-Knisja biex joffri l-aqwa servizz lill-poplu Malti.”
Ix-xiri ta’ dawn is-sodod huwa parti mill-inzjattiva tal-Gvern sabiex jiżdiedu s-sodod residenzjali, fejn sal-lum jammontaw għall-2,500.