Ġie ffirmat ftehim storiku fil-Workers’ Memorial Building fil-Belt Valletta, bejn il-General Workers’ Union u l-Gvern. Dan jirrappreżenta tmiem ta’ proċess twil, li beda fl-2017 u inkluda kawża legali u diskussjonijiet estensivi.
Tmin snin ilu, il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil kien fetaħ kawża kontra l-GWU bil-għan li jiżgombrawha mill-kwartieri tagħha minn fejn ilha tmexxi l-ħidma tagħha għal għexieren ta’ snin. Ftit tax-xhur ilu, iżda, il-Qorti ddeċidiet favur il-GWU li kellha d-dritt tkompli topera mill-binja.
Wara s-sentenza, il-GWU talbet lill-Gvern jemenda l-kuntratt oriġinali tal-1957 biex jiġu aġġornati ċerti kundizzjonijiet u tiġi żgurata s-sostenibbiltà futura tal-unjin.
Bħala parti minn dan il-ftehim, il-GWU qablet li tħallas lill-Istat kważi €2 miljun.
Il-Parlament kien approva din ir-riżoluzzjoni, bl-Oppożizzjoni tibqa’ kontra għat-tielet darba.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan il-ftehim importanti bħala wieħed li jkompli jagħti stabbiltà lill-GWU, li fi storja ta’ ’l fuq minn 80 sena ħadmet favur il-ħidma soċjali u l-mixja ’l quddiem tal-ħaddiem Malti.
Dr Abela sostna kif il-prinċipji ewlenin jibqgħu dak ta’ xogħol li jagħti ġieħ u bi dħul diċenti għall-ħaddiema u li l-Gvern se jibqa’ jġib bidliet importanti u għalhekk pajjiżna issa se jkollu l-Malta Labour Migration Policy li tagħraf id-dinjità tal-ħaddiema.
Tkellem ukoll il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, fejn tenna li jemmen fit-tisħiħ tal-ħidma trejdunjonistika f’pajjiżna u dan kien possibbli grazzi għall-ħidma tal-Awtorità tal-Artijiet biex tinstab soluzzjoni ġusta u adegwata.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din id-deċiżjoni storika, li tpoġġi sisien sodi għall-futur tal-unjin u tkompli tippromwovi d-drittijiet tal-ħaddiema kollha, bit-3,800 metru kwadru ta’ spazju jibqa ddedikat għall-attivitajiet trejdunjinistiċi.