Mara li ammettiet fil-Qorti li ffalsifikat ċekkijiet biex tikkura lil bintha tpoġġiet fuq ordni ta’ probation għal tliet snin u kienet ordnata tħallas lura l-madwar €4,000 li frodat bir-rata ta’ €150 fix-xahar. Dawn irid jitħallsu lin-nies li tagħhom kienu ċ-ċekkijiet misruqa.
L-omm, iddisprata biex tgħin lil bintha li kellha ssiefer l-Ingilterra għall-kura, serqet il-ktieb taċ-ċekkijiet u sarfet ċekk f’Pompa tal-Petrol u ieħor f’Banka tal-Lottu. Lis-sidien ta’ dawn l-istabbilimenti l-Qorti qaltilhom li m’humiex awtorizzati jsarrfu ċ-ċekkijiet u għax jingidmu jmorru jsibu l-kenn fil-Qorti biex jieħdu dak dovut lilhom.
Filwaqt li lill-omm il-Maġistrat Joe Mifsud qalilha li hekk kellha bżonn iktar fondi minn dak li provda l-istat kellha tirrikorri għand il-Malta Community Chest Fund u Puttinu Cares li żgur kienu jgħinuha u mhux tagħmel dak li għamlet.
Ħeġġiġha wkoll issib impjieg u mhux tistrieħ fuq is-Servizzi Soċjali għax fi kliemu trid tgħin ruħek biex Alla jgħinek.
“U mhux tippretendi li l-Istat jidħol garanti għaliha meta għandha 31 sena, b’saħħitha u tista’ taħdem. B’hekk tkun tista tgħin biex hi u bintha jgħixu f’livell ta’ ħajja aktar dinjituż,” qalet il-Qorti.