Raġel Albaniż ta’ 25 sena, Ardit Vladi ġie mixli mill-Ispettur Darren Buhagiar li ffalsifika tlett dokumenti Taljani sabiex ikun jista jivjaġġa lejn l-Ingilterra b’tama ta’ ħajja aħjar.
L-akkużat wieġeb ħati għal dawn l-akkużi miġjuba kontrieh u meta l-Maġistrat Neville Camilleri reġa’ staqsieh jekk hux ħati jew le, l-akkuzat stqarr li għamel żball u issa jrid ipatti tiegħu.
Ir-raġel ammetta mill-ewwel mal-pulizija li mill-Albanija xtara tlett dokumenti falsifikati għall-valur ta’ €1,200 sabiex ikun jista’ jivjaġġa lejn Manchester.
Miegħu l-akkużat kien qed iġorr passaport oriġnali Albaniż iżda kellu jiffalsifika dokumenti hekk kif ma setax jakkwista Visa. Kemm il-prosekuzzjoni u kemm id-difiża qablu li għandha tingħata sentenza sospiża hekk kif l-akkużat ikkopera mal-pulizija meta arrestawh.
Il-qorti ddeċidiet li tagħtih sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospizi għal tlett snin.
F’każ separat iżda relatat, raġel ta’ 39 sena, Ebrima Jobe, mill-Gambja ġi arrestat fuq falsifikazzjoni ta’ dokumenti u l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest. Il-qorti ppresedutha minn Neville Camilleri assenjat il-każ għall-qorti kriminali fejn ser jinstema l-każ quddiem maġistrat ieħor.