Bosta anzjani li jgħixu f’residenza privata f’Tas-Sliema setgħu jerġgħu jġeddu l-memorji ta’ tfulithom u żgħożithom f’attività mhux tas-soltu.
It-tim tal-futbol tas-Sliema Wanderers ta’ taħt is-sbatax-il sena ngħaqdu magħhom fir-residenza tal-anzjani, fejn mhux biss taw xutt jew tnejn bil-ballun magħhom imma anke nisslulhom tbissima fuq fommhom.
Il-kowċ tat-tim, Matthew Griscti, tkellem ma’ ONE News dwar kif attivitajiet bħal dawn jgħinu mhux biss lill-anzjani iżdfa wkoll lil dawn iż-żgħażagħ biex jitgħallmu jkunu ta’ kontribut b’mod differenti fis-soċjetà.
Qal, “Attivitajiet bħal dawn jgħinu liż-żgħażagħ tagħna, iressquhom eqreb lejn il-komunità, u b’hekk ikunu parti integrali mis-soċjetà.”
L-anzjani, b’bużżieqa f’idejhom, jiżfnu u jdoqqu mal-mużika, qattgħu ftit sigħat ma’ dawn iż-żgħażagħ, bi wħud anke qamu jagħtu xutt il-ballun bħalma kienu jagħmlu meta kienu żgħażagħ huma.
Tkellimna ma’ wħud mill-anzjani. Kien hemm min esprima l-apprezzament għal attivitajiet bħal dawn u oħrajn anke rrakkontaw xi memorja tal-passat, fosthom meta kienu jilgħabu futbol huma.
Intant, minkejja d-differenza fl-età, ir-rispett bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ deher fis-sħiħ tiegħu meta, flimkien, għaddew il-ħin iċapċpu lil xulxin wara gowl u jitbissmu bejn ċajta u oħra.