Għall-ħabta tas-13:20, nirien ħakmu żona f’Kordin.
B’riżultat ta’ dan daħna kbira ħakmet l-akwati tant li tidher minn partijiet differenti fil-pajjiż.
Fuq il-post issejħu l-pumpiera tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, fosthom permezz tal-Water Carrier, Foam Tender u Snorkel, li tintuża f’nirien industrijali u Turntable Ladder, kif ukoll tim mediku permezz ta’ ambulanza.
Fortunatament, ma’ weġġa’ ħadd.
Biex jassisti fil-ħidma tat-tifi tan-nar, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkun qed itajjar drone fuq iż-żona li tinsab maħkuma min-nirien. In-nar jinsab taħt kontroll hekk kif indikazzjoni ta’ dan hija wkoll li d-daħna li ddominat l-akwati fl-aħħar ħin issa wkoll bdiet tiċċara.
Hu mifhum li n-nar beda minn trakkijiet ipparkjati u inġenji minn qrib il-Karta Converters, fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin. Fil-qrib hemm ukoll boat yard iżda mhux magħruf sa fejn infirxu n-nirien.
Fuq Facebook, il-Pulizija appellaw lir-residenti tal-akwati ta’ Kordin sabiex iżommu t-twieqi ta’ djarhom magħluqa.
Bħalissa ammont ta’ toroq jinsabu magħluqin għat-traffiku.




Aktar dettalji fil-ħin li ġej.