71 fekruna faqqsu fil-Bajja tar-Ramla l-Ħamla. Dan ġie kkonfermat wara li lbieraħ filgħaxija, membri tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Iżvilupp (l-ERA), flimkien ma’ membri ta’ Nature Trust Malta u volontiera oħra fetħu l-bejta biex jiddokumentaw ir-riżultati.
L-ERA sostniet li wara li nfetħet il-bejta, instabu ħames fkieren fi stat ta’ saħħa tajjeb li immedjatament huma reġgħu kienu rilaxxati fil-baħar.
Hija sostniet li waqt din l-operazzjoni ttieħdu l-miżuri ta’ protezzjoni u wara baqa’ jsir moniteraġġ fuq din il-bejta.
L-ERA rringrazzjat lill-membri ta’ NTM-Fee u l-volontiera għall-ħidma siewja u d-dedikazzjoni tagħhom sabiex iqajmu aktar kuxjenza fuq l-importanza li wieħed jirrapporta mal-ewwel malli jilmaħ xi bejta, bil-għan li tingħata l-protezzjoni meħtieġa u jiżdied ċ-ċans li dawn il-kreaturi jsalvaw.