Il-ħames bejta tal-fkieren, mir-rekord ta’ tmienja li kellna din is-sena, faqqset u pproduċiet total ta’ 47 wild, skont stqarrija ppubblikata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, li qed tikkollabora mal-għaqda mhux governattiva Nature Trust.
L-aħbar dwar il-ħames bejta waslet ġurnata wara li ġie rrapportat li r-raba’ bejta wkoll faqqset u pproduċiet total ta’ 46 fekruna oħra.
Il-ħames bejta, li nstabet fil-Bajja tal-Ġnejna fid-9 ta’ Lulju li għadda, kellha total ta’ 75 bajda, iżda mhux kollha faqqsu b’suċċess.
L-ERA qalet li se tkompli taħdem man-Nature Trust biex tipproteġi l-bejtiet li għad fadal kif ukoll twettaq salvataġġ tal-annimali u r-riabilitazzjoni tagħhom madwar il-gżejjer Maltin.