Adrian Delia kien qal li għandu soluzzjoni lesta biex ikun fil-Parlament.
Fakkar dan id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li meta mistoqsi mit-Times of Malta jkunx lest iċedi s-siġġu Parlamentari tiegħu kien skjett ħafna.
“Lanqas għandi nikkunsdiraha, għax Delia ripetutament qal fil-kampanja tiegħu li identifika soluzzjoni,” qal Aquilina.
Fil-fatt il-kritiċi ta’ Delia fil-Partit Nazzjonalista qed isostnu li l-fatt li għaddew il-festi tal-Indipendenza u ma ħabbarx min se jċedilu s-siġġu juri li kien kollu bluff il-kliem fil-kampanja għall-Kap dwar kif kellu soluzzjoni.
Ħafna kienu qed jistennew il-mass meeting tal-għoxrin ta’ Settembru biex jaraw x’se jħabbar il-Kap.
Kienu qed jarawh bħala l-aħħar ċans li matulu l-Kap seta’ juri li vera kellu xi forma ta’ pjan qabel kien elett, kif wara kollox kien wiegħed. Iżda, dan ma seħħx.
Għalkemm sorsi fil-Partit Nazzjonalista jemmnu li xi soluzzjoni tinstab sostnew li Delia ma kellux jasal sa hawn għax lit-tesserati wegħedhom mod ieħor.
Qalilhom li kien hemm soluzzjoni misjuba.
Fost l-iktar dikjarazzjonijiet kategoriċi li għamel kien hemm dik tas-seba’ ta’ Settembru f’Tas-Sliema.
Mistoqsi kienx hemm arranġament ma’ xi ħadd, Delia kien ċar. Hemm soluzzjoni misjuba, qal quddiem kulħadd.
Iżda, is-soluzzjoni qed ifittixiha bħalissa u bħala parti mis-soluzzjoni, lest li joffri impjiegi fil-Partit Nazzjonalista, karigi jew saħansitra affarijiet oħra lil min iċedilu s-siġġu.
Peró minkejja dan id-deputati li dar fuqhom sa issa kollha qalulu le.
Fid-dawl ta’ dan kollu għamel dikjarazzjoni iebsa wkoll Jason Azzopardi li mat-Times of Malta qal li xi ħadd li għadu ġej u ried isir Kap kellu qabel xejn jassigura li jkollu siġġu fil-Parlament u mhux issa qed jippretendi li ħaddieħor jagħmilha għalih.