Fil-ġurnata li fiha il-knisja tfakkar il-mejtin kollha, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna ċċelebra quddiesa fil-knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata fejn b’mod speċjali fakkar il-vittimi tal-Covid-19 f’pajjiżna.
F’quddiesa li wkoll saret bil-miżuri kollha kontra l-firxa tal-virus, l-Arċisqof spjega kif din il-pandemija għallmitna bosta affarijiet, fosthom fakkritna fl-umiljazzjoni tal-mewt. Xi ħaġa li kull bniedem irid jgħaddi minnha. Quddiem dawk preżenti, uħud qraba tal-vittmi, l-Arċisqof irrikonoxxa t-toqol taż-żmien li fih bosta qraba mhux biss ġarrbu t-telfa imma ma setgħux jagħtu l-aħħar tislima lil qrabathom bl-aħjar mod.
Spjega kif, “Għallmitna wkoll l-umiljazzjoni tal-mewt, għax kull min jaf għax għadda minnu, xi tfisser tmut bil-Covid, u l-protokolli li ntrabtu mad-difna tal-għeżież tagħna f’dawn l-aħħar xhur, jifhem li m’hemmx biss il-qsim il-qalb tat-telfa imma hemm ukoll il-qsim il-qalb ta’ min jixtieq jesprimi n-niket tiegħu u ma jistax.”
Wara l-quddiesa l-Arċisqof għamel purċissjoni simbolika tat-tberik tal-oqbra filwaqt li żar l-oqbra li fihom hemm midfuna l-fdalijiet tal-vittmi tal-Covid-19 f’pajjiżna.