Għall-ewwel darba minn kemm ilu jsir, il-Karnival tas-Sajf sar fil-lokalità ta’ Birżebbuġa.
Karrijiet, parati u għexieren ta’ żeffiena imlew it-toroq ta’ din il-lokalità fin-naħa t’isfel ta’ Malta, bi lwien differenti.
L-attrazzjoni ewlenija kienu t-tnax-il karru – wieħed minnhom minn Għawdex, li għalkemm fid-daqs huma iżgħar minn dawk tal-karnival xitwi, daqstant huma spettakolari b’temi marbuta mal-istaġun – bħall-baħar u l-ħut.
Iddominaw fit-toroq ta’ Birżebbuġa wkoll, il-parati bis-sehem ta’ żeffiena minn ħames skejjel taż-żfin li animaw l-avvenimenti li saru u se jsiru f’dan it-tmiem il-ġimgħa.
Il-Ministru Owen Bonnici nnota s-sinifikat importanti li żdiedet lokalità oħra fejn qed isir dan l-avveniment kulturali.
Bonnici qal kif “Il-Karnival tas-Sajf beda il-bieraħ f’Buġibba fejn kien Karnival ta’Suċċess u ħa jkompli illum f’Birżebbuga. Din hija l-ewwel darba li l-Karnival tas-Sajf ħa jkun f’Birżebbuga nemmnu li dan kien pass importanti biex inkomplu il-Kultura f’din il-lokalità. Għada umbad il-Karnival tas-Sajf jispiċċa f’Marsaskala,fejn inkompli b’din il-ħiedma li qed issir fis-settur Kulturali.”
Tul l-attivitajiet, spikkaw it-tislijiet lejn il-memorja ta’ Jean Paul Bonett– id-dilettant tal-Karnival li tilef ħajtu l-ġimgħa l-oħra meta kien qed jagħmel l-aħħar irtokki fuq karru, lejlet li kellu jitla’ s-separju fuq il-Karnival tas-Sajf.
Jeremy Mercieca qal kif “Jean Paul kien karrist tal-Karnival kbir li kien involut għalih għal numru ta ‘snin, fil-fatt il-mewt tiegħu ħalliet impatt kbir fuq il-karristi u l-karnival tas-sajf. Kif tista tara, fuq ħafna truktars, fuq ritratti ħafna l-karrijiet, ċfuf sewda, Sinjal ta’kuragg lill-familja tiegħu u lill-kumpanija tal-karnival tal-kumpanija buffallo Karnival Company.”
L-attivitajiet b’rabta mal-Karnival tas-sajf jissuktaw il-Ħadd f’Marsaskala.